View this article in English | bilingual

Anġlu Abjad

Grabiel miet tliet darbiet.  Xi wħud saħansitra jsostnu li anki t-tielet u l-aħħar mewta tiegħu, fil-fatt ma kienet mewta xejn, għax it-toroq ta’ l-ibliet u l-irħula għadhom ta’ kull sena jiżżejnu bl-erwieħ verġni tiegħu:  anġli bi ġwenħajhom miftuħin, anġli bil-mantell imtajjar, anġli mbissmin, anġli b’għajnejn koħol tal-ħġieġ, anġli b’dirgħajhom merfugħin ’il fuq; min iżomm palma, min ġilju, min tromba u min ma jżomm xejn ħlief il-liwja manerista ta’ subgħajh.  Toroq mimlijin anġli fuq kobob ta’ sħab ilkoll imperrċin fuq pedestalli ta’ l-injam, irħamati u ndurati b’rużuni u girlandi tal-ġibs.  Fil-pajjiż kollu mhemmx belt jew raħal li m’għandhiex sett anġli ta’ Grabiel... is-seba’ kori ta’ l-anġli, kerubin u serafini... eżerċti ta’ anġli.  Minkejja li Grabiel miet it-tielet mewta bis-solennità kollha, l-erwieħ delikati tiegħu se jibqgħu ggranfati mal-pedestalli ta’ l-injam għall-eternità.

            Meta x-xjatka mażżritlu saqajh u l-artrite rmazzatlu għonqu Grabiel iddeċieda li la s-smewwiet u lanqas l-art ma kienu jifilħu aktar anġli.  Intelaq iqatta’ l-jum kollu fuq siġġu tas-soda fil-bieb tal-maħżen, u waqt li l-ħajja tgħaddi tlebbet bil-ħeffa minn quddiemu hu ma jilmaħ xejn ħlief ġwienaħ u mantelli jittajru fiċ-ċpar ta’ madwaru, iperpru u jsejħulu mill-bogħod.  Ġod-dalma tal-maħżen għexieren ta’ xkaffi kienu mimlijin irjus tal-ġibs bil-ħofor ta’ l-għajnejn battala jistennew għalxejn għajn kaħla tal-ħġieġ.  U xkaffi oħra b’fillieri ta’ pali ta’ jdejn bis-swaba’ miftuħin u ffossilizzati f’supplika eterna jitkarrbu għal fergħa palm jew bastun ġilju.  U aktar xkaffi b’ringieli ta’ saqajn ibsin ifittxu bil-ħniena sħaba fuq xiex jistrieħu.  Waqt li minn fuq is-siġġu tas-soda Grabiel jittanta jimmansa x-xjatka u l-artrite, l-irjus u l-idejn u s-saqajn ta’ fuq l-ixkaffi kienu bil-ħerqa jintunaw il-miserere u jitolbu li jingħataw ġisem.

            Ġor-rokna ta’ ġewwa nett tal-maħżen, minn taħt liżar mimli trab u ġir, kienet tidher l-għamla ta’ anġlu sħiħ.  Kien ħadmu ftit tas-snin qabel. Wara li xkatlah u rfinah kien ħallieh fuq il-ġibs, mingħajr l-iċken ħjiel ta’ żebgħa, donnu spirtu aktar efimeru mill-anġli kollha ta’ qablu.

            “Dan għalik!” kien qal lil bintu Mirjam. “Dan isiblek għarus!”

            Bintu kienet sewdet qalbha.  Kienet ilha li bdiet tinnota li kliem missierha kien sar aktar skunettjat, u ħarstu aktar mitlufa u spiss jaqa’ f’sikta barra minn postha.  U sewdet qalbha ftit aktar għax la darba l-manuvri u l-istrateġija kollha taz-zija Saverja ma kienx irnexxielhom isibulha għarus, l-ebda anġlu tal-kartapesta ma kien se jimpurtalha wieħed mis-smewwiet... issa li qabżet l-erbgħin.

            “Għalik...” kien tennielha missierha, “anġlu abjad miksi ġibs verġni...”

            Daqs tliet snin wara, Grabiel miet.  Kien il-Ħamis filgħodu.  It-tabib Debrincat u l-kappillan ġew jiġru biex ikun wettqu dmirhom.  Imma laħqu tard wisq.  Grabiel kien ġo soddtu wiċċu ’l fuq, b’ħalqu miftuħ u għajnejh tal-ħġieġ aktar ċassi minn dawk ta’ l-anġli.  Warajhom wasal Ċensu tat-twiebet maż-żewġ lavranti tiegħu. Ilkoll qablu li Grabiel kien bil-fors ġa sab post fuq quddiem nett fis-saltna tas-sema, meta tqis il-palata li tawh dawk l-eżerċti kollha li kien ilu midħla tagħhom is-snin.  U waqt li  Mirjam telqet tfittex il-libsa s-sewda li kienu se jkeffnuh fiha u ż-żarbun li jżaqżaq, Ċensu u l-lavranti neżżgħu lil Grabiel biex jaħsluh u jlestuh għall-kefen. U dak il-ħin sewwa, waqt li kien għarwien wiċċu ’l fuq, Grabiel fettillu jiftaħ għajnejh u b’leħen maħnuq jgħidilhom:

            “ ’Tuni tazza ilma!”

            L-anġli li kienu għadhom kemm telqu jduru l-ibliet u l-irħula jxandru l-mewta ta’ Grabiel, f’daqqa waħda sabu li kellhom jerġgħu jibdew kollox mill-ġdid biex iħabbru l-irxoxt.  In-nies tar-raħal ġriet tiffolla wara l-bieb ta’ Grabiel iżda għad li kienu marru bil-għan li jarawh u jieħdu b’idejn Mirjam, spiċċaw ilkoll qaqoċċa madwar Ċensu u l-lavranti tiegħu, jarawhom jirtogħdu u jtemtmu u jixorbu l-kafejiet li newlitilhom Mirjam wara li marret dendlet il-libsa s-sewda f’postha.

            Dik il-ġimgħa Mirjam irċeviet il-kont ta’ Ċensu tat-twiebet li deherlu li kien ħaqqu xi ħaġa tax-xogħol li laħaq wettaq u tal-qatgħa storika li ħa.  Il-kappillan għarrafha wkoll li hu kien ġa qaddes xi żewġ quddisiet ta’ radd il-ħajr u biex aċċetta envelop b’xi ħaġa tħaxwex ġo fih, Mirjam kellha terġa’ tifformola kliemha u taċċertah li dik kienet biss donazzjoni u mhux ħlas.  Matul dik il-ġimgħa t-tabib Debrincat kien mar jarah tista’ tgħid kuljum.  Kien ta’ kull darba jissemmagħlu qalbu u jagħfaslu ’l hawn u ’l hinn u dejjem jispiċċa jxengel rasu u jwerreċ għajnejh.  U ma ħallihomx bi kwiethom qabel ma Mirjam staqsietu x’kienu obbligati.  Meta dak in-nhar fil-għaxija, wara li Grabiel daħal jorqod, Mirjam qabdet f’idha lapes u karta, waslet minnufih għall-konklużjoni li l-irxoxt ta’ missierha kien ġie jiswielhom aktar minn funeral.

              Mill-irxoxt ’l hawn Grabiel ma tkellimx aktar.  Baqa’ jqatta’ l-jum kollu fuq il-bankina bil-qiegħda ġos-siġġu tas-soda.  Kien iċaqlaq rasu u jitbissem lil kull min jieqaf jifraħlu.  Imma kliem xejn.  U ħarstu dejjem immirata lejn x’imkien ’il bogħod lil hinn mill-bjut tad-djar u l-kampnari tal-knisja.  Imbagħad bil-lejl kien ipatti.  Mirjam bil-kemm kienet tkun tista’ tagħlaq għajn m’għajn bit-tgedwid ta’ missierha.  Dari kien biss jonħor u jmeċlaq, imma mill-irxoxt ’l hawn bdiet tisimgħu jpaċpaċ... mhux it-tgedwid mimgħud ta’ min jitkellem f’nofs ħolma, imma diskursati ta’ lejl sħiħ ma’ ħbieb inviżibbli.  L-ewwel darba li semgħetu Mirjam ħasbitu qed isejħilha u marret tiġri f’kamartu.   Sabitu wiċċu ’l fuq, b’għajnejh magħluqin, maħsul bil-għaraq waqt li b’kalma kbira kien qed itenni:

            “ Ilkoll ħelwin, wieħed isbaħ mill-ieħor.  Indurajtilkom il-borduri tal-mant bil-girlandi.  Qaluli: ‘Imma kemm tidħol f’xogħol żejjed, Grabiel!?’  Għidtilhom: ‘Mela mhux xogħol żejjed!’  L-ebda ġmiel mhu biżżejjed għalihom.  Irridhom wieħed isbaħ mill-ieħor.  Imbagħad lilek xi ħaġa aktar.  Irridek pur, abjad u nadif, moħbi u mgħotti bil-liżar abjad biex ħadd ma jtellfek waqt xogħlok.  Le, le... xejn ma jien se nagħtik f’idejk, la palma u lanqas tromba.  Idejk jibqgħu battala, għalissa... biex bihom tkun tista’ tagħmel li għandek tagħmel...”

            U hekk jibqa’ sejjer il-lejl kollu, itenni l-istess frażijiet bis-sabar u bil-lajma sa ma jinstema’ jidden is-serduk ta’ Kelina.  Imbagħad Grabiel jiskot, jidħol f’nagħsa u ma jistebaħx qabel ma t-tiddin tas-serduk jitħallat mal-ħsejjes tal-karozzi u l-għajat tan-nies. Meta mbagħad kamartu titgħammex bir-raġġi sħan tax-xemx Grabiel  jistenbaħ għal jum ieħor ta’ sikta.

            Sewwa sew għeluq is-sena, il-Ħamis fil-għodu, is-serduk idden u l-karozzi paqpqu, imma Grabiel baqa’ ma stenbaħx.  Mirjam ħaditlu l-polz, ċaqalqitu, heżżitu... imma Grabiel baqa’ kif  kien.  L-anġli fetħu ġwenħajhom mill-ġdid u telqu jxerrdu l-aħbar.  Il-kappillan u Dr Debrincat reġgħu waslu tard bħad-darba ta’ qabel, akkumpanjati minn sarbut sħiħ ta’ nies li riedu jaċċertaw ruħhom li did-darba ħadd ma kien qed jgħaddihom biż-żmien.  Iżda t-tabib kien pront xeħet lil kulħadd ’il barra u qatta’ siegħa sħiħa waħdu ma’ Grabiel.  U meta raġa’ tfaċċa fil-bieb tal-kamra, Dr Debrincat poġġa idu fuq spallet Mirjam u b’leħen solenni qalilha:

            “Il-Mulej għoġbu jisilfu sena żejda.  Imma kienet biss mislufa!

            Imbagħad in-nies daħlet tittawwal waqt li l-kappillan qal it-talb kollu li kellu jgħid u Ċensu tat-twiebet, wara li ġiegħel lit-tabib jaħliflu fuq kemm qaddisin kien jaf, daħal mal-lavranti tiegħu biex ikompli fejn kien ħalla sena ilu.  Mirjam reġgħet marret ġabet il-libsa s-sewda u ż-żarbun li jżaqżaq u f’tebqa t’għajn Grabiel kien nadif u liebes gala, stendut wiċċu ’l fuq ġo nofs l-intrata fit-tebut tal-ħabbatiet li ġabu l-lavranti.  Il-jum kollu n-nies baqgħet ġejja bi ħġarha, min jgħid li f’idu messhom qegħdulu palma, min jgħid ġilju, min jgħid tromba u kulħadd imisslu ġbinu u jgħid li kien kiesaħ silġ.  Xi żewġ ġirien offrew lil Mirjam biex joqogħdu jagħmlu l-għassa magħha bil-lejl, imma din ma riditx taf.  Hi li kienet ilha dawk is-snin kollha għassa miegħu tul ħajtu ma riditx li xxellef l-aħħar ftit sigħat f’mewtu.  Qattgħet il-lejl kollu bil-qiegħda ħdejn it-tebut, tgħid ir-rużarjijiet u tixrob kikkra wara kikkra ta’ kafè iswed.  Imma dak il-kafè kollu sa fl-aħħar għamel tiegħu.  Mit-tieqa tat-tojlit, Mirjam lemħet l-ewwel ħajta dawl u s-serduk ta’ Kelina fetaħ garġih.  U sewwa sew  mal-leħen tas-serduk Mirjam dehrilha li semgħet bħal ħoss ta’ żaqżiq.  Ħarġet tiġri mit-tojlit bla ma’ ġibdet il-katina tal-flaxink u ġriet bla nifs lejn l-intrata.  Sabet it-tebut vojt u ħsejjes ta’ żaqżiq u tħaxixwix ġejjin min-naħa tal-maħżen.  U hemm sabet lil missierha, pulit u nadif medhi jixkatla l-anġlu l-abjad tal-ġibs verġni.  Ħares kemxejn lejha minn taħt il-għajn, tbissmilha u waqt li baqa’ jixkatla u jimla l-libsa s-sewda bil-għabra, kemm kemm jinstama’ qalilha:

            “Dan għalik... biex isiblek għarus!”

            L-għada fil-għodu, minflok il-quddiesa tal-funeral, il-kappillan intona t-Te Deum.  Grabiel ħareġ fuq il-bankina bil-qiegħda ġos-siġġu tas-soda.  Baqa’ bil-libsa tal-kefen u ż-żarbun li jżaqżaq.  In-nies bdiet ġejja minn kullimkien.  Kulħadd itennilu li l-anġli kienu qed jidħlu għalih quddiem il-Mulej u kienu qed jaqilgħulu rigal wara l-ieħor ta’ dak kollu li kien għamel magħhom.  U Grabiel jitbissem lil kulħadd u jmejjel rasu bla ma jlissen l-ebda kelma.  Iżda l-kontijiet ma damux ma bdew jaslu.  L-orkestra li qagħdet tinqala’ għall-quddiesa tal-funeral u li flok id-Die Sire kienet daqqet it-Te Deum riedet titħallas xorta waħda.  Ċensu tat-twiebet ġabha aktar bi kbira.  Mhux biss bagħat il-kont ta’ jdejh imma wkoll tat-tebut, għax skond ma qal hu, dak it-tebut ma kienx xieraq li jbigħu lil klijent ġdid la darba ġa kien intuża minn mejjet ieħor.  U għalkemm Mirjam sostniet li f’dan il-każ, it-tebut kien biss intuża minn ħaj, Ċensu baqa’ jtenni li ħwejjeġ bħal dawn hu qatt ma kien għamilhom.  Imbagħad temm jgħidilha li jekk missierha kien fi ħsiebu jqatta’ sal-mitt sena jilgħab din il-logħba stramba tiegħu, kien jaqblilha żżomm dak it-tebut bil-prezz tal-lum, milli tixtri wieħed bil-prezz ta’ min jaf kemm-il sena oħra.  U hekk it-tebut tal-ħabbatiet spiċċa fil-maħżen mal-fillieri ta’ rjus u saqajn u pali ta’ jdejn battala.  It-tabib Debrincat biss baqa’ ma bagħat l-ebda kont.  Meta xi xhur wara Mirjam qabditha sogħla qawwija u bagħtitlu risposta mal-ġirien biex jittawlilha ftit, minnufih bagħat jgħidilha li huwa wkoll kien irtirat bid-deni u ma kienx qed iservi...  u bis-sogħla b’kollox Mirjam kellha tmur il-berġa.

            Grabiel beda jqatta’ l-jum kollu fil-maħżen, ixarrab il-karti fil-kolla, jimla aktar forom ta’ jdejn u rjus u saqajn, jistokkja u jixkatla u meta jiftillu jmur ineħħi l-liżar minn fuq l-anġlu l-abjad u jqatta’ s-sigħat iħares lejh.  Mirjam ma damitx ma osservat li din il-biċċa ta’ l-anġlu kien qed jagħmilha kull nhar ta’ Ħamis filgħodu.  Bla ma qatt ilissen kelma, bla ma qatt iħares lejn kalendarju jew jistaqsi x’jum kien, kull nhar ta’ Ħamis filgħodu Grabiel kien imur jikxef l-anġlu l-abjad, ipoġġi bil-qiegħda quddiemu, joqgħod jitbissimlu u jċaqlaq kemxejn xofftejh f’diskursata sigrieta.

            Il-libsa s-sewda u ż-żarbun li jżaqżaq ma qalagħhomx minn fuqu.  Kien jidħol iteftef waħdu ġol-kamra tal-banju, isakkar il-bieb warajh u jinstema’ ħoss ta’ ilma jċaflas.  Għalxejn Mirjam widdbitu biex ma jaqfilx il-bieb minn ġewwa, Grabiel xorta baqa’ jsakkar il-bieb warajh.  U meta Mirjam qabdet tornavit u qalgħet il-firroll, beda jdaħħal siġġu miegħu u jqiegħdu taħt il-pum.  Hemm ġew kien jinħasel waħdu, ibiddel il-flokk u l-qalziet ta’ taħt, imma jerġa’ joħroġ liebes il-libsa s-sewda u ż-żarbun li jżaqżaq. U ta’ xejn Mirjam titbaqbaq u tgħidlu li dik il-libsa kien qammilha u titlobu bil-ħniena biex ta’ lanqas iħalliha taħsillu l-qalziet.  Grabiel kien biss jagħlaq għajnejh, irosshom flimkien u jtella’ sebgħu l-werrej ma’ xofftejh.  U jekk iddum tredden xi ftit aktar mis-soltu arah jitlaq iħaffef lejn il-maħżen u jkompli jimla l-forom.

            Ftit wara, beda jieħu drawwa oħra.  Flok jidħol jorqod f’kamartu beda jitgeddes  kobba fuq is-siġġu tas-soda u jqatta’ l-lejl kollu  fil-maħżen.  Mirjam kienet taf li missierha minn dejjem kien rasu iebsa, imma qatt ma basret li wara żewġ mewtiet u żewġ irxoxtiet kien se jsir stinat daqshekk.

            “Issa jekk tegħlbek rasek u taqa’ minn fuq is-siġġu?!”  kienet tipprova tfiehmu.

            Għall-ewwel bdiet tqatta’ l-lejl kollu tielgħa u nieżla minn kamritha għall-maħżen biex tara jekk kienx għadu wieqaf dritt ġos-siġġu, imma meta lejl wara lejl bdiet issibu rieqed kuntent, ipaċpaċ u jirraġuna bħas-soltu, Mirjam bdiet torqod mistrieħa hija wkoll.  Sakemm lejl minnhom dehrilha li semgħet bħal ħoss stramb u niżlet tiġri lejn il-maħżen.  Sabitu jgedwed u jirraġuna bħall-iljieli kollha ta’ qabel, kalm u seren, imma minflok kobba fuq is-siġġu tas-soda sabitu taħt l-anġlu l-abjad, wiċċu ’l fuq fit-tebut.  L-għada fil-għodu bdiet bejniethom ġlieda oħra li baqgħet sejra sa ma reġa’ sar ħin l-irqad.  Imma kif dejjem ġara sa fl-aħħar Mirjam kellha ċċedi.   Wara kollox, meta kkalmat u moħħha seta’ jirraġuna aħjar Mirjam dehrilha li la darba dak it-tebut kien qamilhom sold ġmielu u qatt ma setgħet tgħid meta kienu  se jiġu bżonnu, ma kien hemm xejn ħażin li missierha jibda jużah minn issa.  Firxitlu żewġ kutri ħoxnin fil-qiegħ, poġġietlu mħadda ratba u ttamat li talanqas isibu komdu aktar mis-siġġu tas-soda.  U b’hekk, jekk kif dejjem ġara, missierha kellu jmut mal-lejl, tkun iffrankat biċċa sewwa mill-kont ta’ Ċensu.

 

            Imma t-tielet u l-aħħar mewta ta’ Grabiel ma kellhiex tkun matul il-lejl.  B’xi appuntament sigriet reġa’ kien il-Ħamis fil-għodu waqt li Mirjam marret ħarba s’għand tal-merċa.  Sabitu ġol-maħżen, quddiem il-bank tax-xogħol, bil-qiegħda fuq is-siġġu tas-soda, wiċċu mgħaddas ġo friskatur ġibs verġni nofsu magħqud.  U sa ma daħlu l-ġirien u għenuha taqilgħu minn postu, il-ġibs laħaq għaqad u hekk, qabel telaq darba għal dejjem, Grabiel irnexxielu jħallilhom il-forma ta’ wiċċu bid-dettalji kollha ġo qiegħ il-friskatur.  Did-darba Mirjam ħadet kollox f’idejha.  Dik il-libsa li kienet ilha s-snin destinata għall-kefen issa la kienet tajba għal quddiem in-nies u wisq anqas għad-dalma tal-qabar.  Xtratlu tibdila ġdida, mill-qmis sa l-ingravata u l-kalzetti.  Kulma rnexxielha ssalva kien biss iż-żarbun, li wara tfarfira u xebgħa nagit reġa’ seta’ jibda jżaqżaq mill-ġdid. Meta kollox kien lest Grabiel sab ruħu f’dak it-tebut li issa kien drah sewwa, stendut f’nofs il-maħżen taħt l-anġlu l-abjad mgħotti bil-liżar.  Ċensu mar jipprova jagħti titwila, imma Mirjam kienet pronta ħelset minnu ħafif ħafif għax, skond ma qalet hi, ma kienet se tippermetti li se jsiru l-ebda funerali qabel jgħaddu tlitt ijiem u tliet iljieli.  U hekk Mirjam qattgħet tnejn u sebgħin siegħa ma tafx jekk hix għassa mal-ħajja jew mal-mewt.  Kull meta twarrab kemmxejn, jew meta għajnha tmur biha, Mirjam kienet tistenna li se terġa’ ssib it-tebut battal.  Imma missierha baqa’ ma stenbaħx.  Kienet ta’ kull darba ċċaqalqu, iċċekċiklu l-ħabbatiet tat-tebut, tgħajjatlu ġo widintu... iżda kollu ta’ xejn.  Fit-tieni jum ġieha f’moħħa li taħraqlu sebgħu ż-żgħir ta’ idu.  U wara dan neżżgħetlu ż-żarbun u l-kalzetti u ħarqitu wkoll subgħajh ta’ saqajh.  L-ebda taħrika.  Mas-sbiħ tat-tielet jum, Mirjam dehrilha li qed ixxomm riħa stramba  li fi ftit sigħat tant żdiedet u għaqdet, li kienet pronta qiegħdet l-għatu tat-tebut f’postu u bagħtet b’urġenza għall-Ċensu u għall-kappillan.  Id-difna saret bil-ħeffa u l-quddiesa, għad li ma kinitx presente cadavere saret bid-dinjità kollha li tixraq lil bniedem li qatta’ għomru kollu ma’ l-anġlu u li mar jarahom u ġie lura darbtejn.

            Imma mill-għada stess tad-difna għal Mirjam beda nkwiet ġdid.  Bdiet toħlom li difnuh ħaj.  Qalet li fil-ħolma rat il-kaptelli jiċċaqalqu u lemħet lil missierha jitqanżah biex jgħaddi minn bejniethom, mimli kollu trab u wirdien u meta sa fl-aħħar irnexxielu jitla’ fil-wiċċ, intelaq bla nifs fuq il-kaptelli u miet bil-battika.  Il-Ħamis ta’ wara qalet ukoll li lemħet il-liżar li kien jgħatti l-anġlu l-abjad jitħarrek u bdiet tissuspetta li missierha kien ġie mid-dinja l-oħra u qagħad moħbi taħt dak il-liżar.  U meta waħda mill-ġirien offriet li tidħol magħha fil-maħżen biex jikxfu l-liżar flimkien, Mirjam ma riditx taf.  Qalet li ma kellha l-ebda dritt tħassarlu l-logħba u tfixklu f’dak li kien qed jipprova jagħmel.

            U kien propju hawnhekk li jien dħalt fil-ġrajja u sirt naf dak kollu li għadni kemm irrakkuntajt.  Xi ħadd qal lil Mirjam li jiena ħabib ġmieli ta’ l-ispirti.  Iddubbat in-numru tat-telefon tiegħi, ċemplitli d-dar u b’leħen imriegħed talbitni naslilha wasla għax kellha bżonn is-servizzi tiegħi.  Il-leħen maħnuq li smajt minn fuq it-telefon ġegħelni nistenna li se nsib quddiemi mara fuq l-għatba tax-xjuħija.  Imma mort imqarraq bil-kbir.  Sibt li din Mirjam kienet xebba grazzjuża, imbaċċa iżda mibruma u fuq qaddha, b’par għajnejn kbar suwed u xofftejn mimlijin... u meta tatni d-dettalji kollha ta’ ħajjitha tassew skantajt kif iz-zija Saverja flimkien ma’ dawk l-anġli kollha ma kienx irnexxielhom isibulha għarus.

            Qaltli li xtaqitni nagħmel kuntatt ma’ missierha biex taċċerta ruħha li meta difnuh kien mejjet tassew, u nistaqsih jekk kienx hu dak li kull nhar ta’ Ħamis qed imur iċaqlaq il-liżar ta’ l-anġlu l-abjad u jekk kien hu, riditu jgħidilha x’ried mingħandha.  Jien minnufih fissirtilha li l-affarijiet ma kinux daqstant faċli, imma wegħedtha li nipprova.  Għidtilha biex tlesti mejda u żewġ siġġijiet fil-maħżen, tixgħel xemgħa ġo kandlier u meta dalam u bdiet taqa’ s-sikta, intasabna bil-qiegħda faċċata ta’ xulxin.  Għidtilha żżomm għajnejha magħluqin u ma tinħasadx jekk tismagħni nieħu nifsijiet twal u forsi nibda nitkellem b’leħen differenti.  Żammejna id f’id u għalaqna għajnejna.  Soltu fi ftit sekondi kont nibda nħoss bħal tnemnim ma’ ġismi kollu, iżda dak in-nhar minn dan kollu ma ġara xejn.  Ippruvajt nikkonċentra aktar u nbattal moħħi.  Imma ma stajtx.  L-għafsa soda ta’ jdejn Mirjam ma’ tiegħi bdiet aktar tfixkilni.  Wara kwarta kelli ngħidilha li għal dak in-nhar se jkollna nieqfu.

            “Nerġgħu nippruvaw għada,” kienet pronta weġbitni.

            U hekk għamilna... l-għada u l-pitgħada u pitpitgħada... u għal tmint ijiem sħaħ. Imma kollu ta’ xejn.  Moħħi ma kienx fl-ispirti.  Idejn Mirjam kienu minnufih jaħftu lil tiegħi u jagħfsuhomli b’qawwa u b’determinazzjoni imbarazzanti waqt li subgħajha jduru tond ma’ tiegħi... donnhom dawk l-għexieren ta’ swaba’ tal-ġibs li fuq l-ixkaffi ta’ warajna kienu għadhom jitkarrbu għal tromba jew fergħa tal-palm.  U dan l-aħħar deherli li Mirjam bidlet il-mejda u ġabet waħda iżgħar.  Saqajna qed iħokku flimkien u l-lejla saqajn Mirjam tkaħħlu sew ma’ tiegħi.  Malli wasalt għandha ndunajt mill-ewwel li minflok il-libsa tal-vistu kellha fuqha waħda ffjurita, ħafif u bla kmiem, u mill-imbukkatura wiesgħa stajt nara l-bidu ta’ sidirha abjad u qabbieżi.  Naħseb mhix liebsa riċipettu.

            U hekk ninsabu hawn... id f’id, b’għajnejna magħluqin, bix-xemgħa tixgħel bejnietna u b’saqajna jħokku ma’ xulxin.  Ma nistax nikkonċentra.  Mirjam qed tagħfasli subgħajja u tagħsarhomli waqt li l-pali ta’ jdejha maħsulin għaraq.  Għadni m’għidtilhiex li l-bieraħ kxift il-liżar ta’ l-anġlu l-abjad  u sibt li f’id waħda għandu minġel u fl-oħra ħodon qamħ.  Illum l-Erbgħa, imma l-minutieri ta’ l-arloġġ qed iqarrbu lejn it-tnax.  Mirjam qed tieħu nifsijiet twal.  Qed inħoss tnemnim ma’ ġismi kollu.  Iva, naħseb li l-lejla se tiġri xi ħaġa...!

Copyright Trevor Zahra. All rights reserved.