View this article in English | bilingual

Mort naraha, pa

Tbaxxejt u b'għajnejja moħbija fil-pali ta' jdejja – qisni tifel qed iħares minn tieqa mżellġa bix-xemx kontrih - pespisthielu.

"Mort naraha, pa. Mort naraha."

*

L-aħħar darba li żortu ma tantx kien jidher tajjeb. Oħti ż-żgħira kienet għadha kemm ħarġet u kienet ħaditlu rasu tgħidlu li qed tarah sejjer lura. Is-soltu tagħha. U ħassejt li almenu jien għandi nibdel id-diska. U allura staqsejtu f'liema mara qed jaħseb l-iżjed u l-kliem waqa' fuq l-Ispanjola.

Kien jieħu pjaċir meta nkellmu dwar in-nisa ta’ ħajtu. Donnu dak il-ħin l-uġigħ kien jinsieh u għajnejh bħal jikbru u jiffukaw. Għax kemm kien ilu li marad u daħal l-isptar, in-nisa li ħabb f’ħajtu kienu saru għalih album ta’ ritratti li ma seta’ jieqaf iqalleb qatt. U taħt kull ritratt kien hemm mija oħra moħbija. Ma kienx hemm dettall wieħed li ma kienx għadu jiftakar b'ċarezza. Kultant kont naħseb li qed jaqla' minn żniedu iżda meta xahar jew tnejn wara jerġa' lura bl-istess dettall, bl-istess konvinzjoni, bl-istess ħarsa u tbissima, kull dubju li kien ikolli kien jisfuma fix-xejn. “Allaħares m’għandix lilhom,” kien jgħidli meta konna nkunu weħidna. “Għidli int – kieku kif se nqatta’ dawk l-iljieli li ma jkunu jridu jgħaddu qatt?" U mbagħad kien ikompli dejjem bl-istess mistoqsija. “Għax, ngħid jien, fuq xiex joqogħdu jaħsbu dawk ix-xjuħ bħali – weħidhom – li f’ħajjithom qatt ma ġġennu wara mara?” U meta kien ikun jidher b'saħħtu biżżejjed għal argument kont ngħidlu li forsi jkunu qed jaħsbu dwar il-pajjiżi li żaru, il-ħbieb li kellhom, l-avventuri li għexu, l-istejjer li semgħu, ix-xogħol li ħadmu, il-klieb li rabbew, il-mumenti ta' ferħ li kellhom u dwar dak kollu li għaddew minnu. U kien isikkitni b'tixrija tal-idejn tipika tan-nies ta' żmienu. “Le, le, ibni. Mhux l-istess. Daqskemm għamilt xogħlijiet f'ħajti. X'niftakar minnhom? Xejn. U daqskemm żort pajjiżi u bdilt xogħlijiet ...”

“Kemm tieħu gost jekk tarak!” reġa' qalli meta rġajna lura għall-Ispanjola. "Isma', twiegħdni li tmur iżżurha qabel immut?" U bla ma ħallieni nwieġbu, kompla. "Mur. Għidilha b'kollox u ġibli aħbarha."

Riedni bilfors immur inżurha. U meta rani qisni qed naħsibha, iżjed talabni b'ħerqa. "Qabel immut, ibni, mur kellimha!" Fakkarni fija meta kont żgħir u kont nibgħat lil ommi tgħaddi messaġġ lil xi ħadd li jien ma kellix il-kuraġġ ngħaddihulu. U spjegali t-triq bl-istess ton u bl-istess ismagħni sew tal-bidu li bihom fi tfuliti kien qalli kif għandi nagħmel biex immur għand in-nanniet. Jew għand tal-grocer biex nixtri l-ħalib.

“Ismagħni sew. Kif tasal l-ajruport ta' Alicante, ikri karozza,” qed jgħidli, b'xufftejh jingħafsu flimkien, bir-rogħda ta' idu moħbija fil-komma u bi tbissima nofsha mqarba u nofsha ma nafx xiex. “Oħroġ mill-parking tal-ajruport u segwi t-tabelli li b’ittri kbar, fuq nett, jgħidulek Murcia.”

Imbagħad iħares lejja u jinduna li ma jien qed inniżżel xejn. “Ikteb!”

U noħroġ biro mill-but tal-ġlekk u nikteb fuq l-ewwel karta li nsib – l-irċevuta tal-gallettini u tal-ilma li xtrajtlu jien u dieħel l-isptar.

“Suq f’dik id-direzzjoni sakemm it-triq wiesgħa tinqasam fi tnejn u fin-nofs l-ieħor jibdew jidhru tabelli oħra kbar bil-kliem Grenada Almeria. Ixgħel l-indicator. Attent għal ta’ warajk u aqleb fuq in-naħa l-oħra. U suq bil-mod!”

Nitbissem imma t-tbissima tiegħi ma jarahiex għax fil-frattemp għalaq għajnejh u ntilef isuq lejn dar l-Ispanjola.

“Issa suq bid-dritt sakemm tara t-tabella Mazarron.”

Ninnota idu. Qisha l-vleġġa fuq GPS.

“Mur fejn tibagħtek dik. Suppost, issa, bdew jidhru d-djar, l-appartamenti għall-kiri u għall-bejgħ u l-baħar qiegħed fil-qrib. Imma mhux qed tarah. Fhimt?"

"Ma kull ftit kilometri qed jiżdiedu t-tabelli u fuq kull waħda issa tista’ tinnota Puerto de Mazarron. Suq fid-direzzjoni tal-port sakemm tara l-ewwel vleġeġ li jimmarkawlek id-daħla għal Aguilas.”

Jiftaħ għajnejh u narahom jixegħlu ħafna iżjed milli kienu qabel għalaqhom.

"Inti qed tikteb?”

“Iva, iva, qed nikteb. Kompli.”

“Jekk tasal s’hemm u m’intix tilmaħ kilometri sħaħ ta’ serer bojod mimlija tadam fellaqt xi mkien. Jekk qed tara s-serer, mela issa m’hemmx fejn tinfixel. Triq waħda sakemm tasal f’salib it-toroq u tara tabella ċkejkna fuq il-lemin li tgħidlek Puntas de Calnegre. Idħol f’dik it-triq dejqa, itfagħha free u ħalli r-roti jduru weħidhom. U niżżel it-twieqi ħalli tħoss iż-żiffa tal-baħar tiffriskak. Xi ġmiel...”

“Pa, evita l-poeżija. Iffoka fuq it-tabelli!”

Jagħfas għajnejh. Jitbissem u jerġa’ lura għad-direzzjonijiet.

“Suq bil-mod li ma jmurx jaqsamlek tifel minn xi mkien. U minn hemm għandek taraha – fit-tarf tat-triq – villa maqtugħa mill-bqija. Kompli sejjer sa ħdejha. Ipparkja bil-kwiet. Oħroġ. Mur fuq il-bankina, fejn probabbli se ssib qattus jilgħaq skeletru ta’ xi ħuta u doqq il-qanpiena.”

Missieri kien qed jibgħatni nara lill-mara li dam jara – bil-moħbi t’ommi – għaxar snin. U m’iniex sejjer biex nikkuntentah. Sejjer għax nixtieq insir nafha lil din il-mara li għamlitu tant ferħan. Sejjer biex bla kliem nirringrazzjaha. Ridt naraha lil din il-mara li kull darba kienet tinjettalu doża ferħ li kienet tmantnih xhur sħaħ. Imbagħad, meta jgħib kull ħjiel tagħha, jerġa' lura Spanja bl-iskuża tax-xogħol. U aħna nistennewh ġej lura b'xi tanbur, żugraga, ċimblu, borża żibeġ b'elf kulur u bi tbissima ta' xi ħadd mimli bil-ferħ.

U bl-irċevuta tal-ħanut tal-isptar magħfusa mal-istering tal-Ford Ka li krejt, qed insuq u nitbissem u nammira l-memorja ta’ missieri. Għax anke li kieku ħallejt il-karozza f’idejn xadina probabbli kienet tasal ħdejn il-villa tal-Ispanjola bla ebda xkiel. U issa għaddej mit-triq tal-villa u niżżilt it-tieqa tal-karozza u qed nidħak qisni iblah għax iż-żiffa tal-baħar qiegħda tabilħaqq tiffriskali wiċċi. U qed nisma’ wkoll l-eċċitament tat-tfal ħafjin jiġru wara l-ballun fuq il-bajja u t-tgergir t’ommhom quddiem tal-grocer u t-tisbit ta’ missierhom ħiereġ mill-bar fuq in-naħa l-oħra tat-triq. U qed naħseb li, li kieku ma qtajtlux kliemu meta kien wasal f'dan il-punt tal-vjaġġ, dawn id-dettalji kien isemmihomli wkoll.

Imbagħad daqqejt il-qanpiena u tfaċċat quddiemi lista ta’ possibbiltajiet li lanqas biss kienu għaddewli minn moħħi tul il-vjaġġ. Forsi l-mara mietet. Jew marret tgħix band’oħra. Forsi qiegħda ma’ raġel ieħor u l-istorja ma’ missieri nsietha. Jew trid tinsieha. Forsi fid-dar m'għadu joqgħod ħadd. Jew xtraha ħaddieħor li, dwar l-istorja ta’ missieri mal-Ispanjola, ma jaf xejn. Jew forsi l-Ispanjola ser tiftaħli u ma tkunx trid tilqagħni. Jew forsi se jiftaħli binha u mbagħad x'se ngħidlu?

Jinfetaħ il-bieb u titfaċċa quddiemi l-Ispanjola ta’ missieri. Ma kellix dubji li ma kinetx hi. Għajnejha kien pittirhomli. U pittirhom tajjeb. Kbar. Ħodor. Fl-isfar. Sbieħ. U wiċċha ta' anzjana li qed tixjieħ bil-grazzja kollha tad-dinja.

“Xħin tiftaħlek għidilha li inti t-tifel tiegħi u li smajt ħafna dwarha. Għidilha li qed immut bil-mod il-mod imma li għadha f'qalbi u bla ma taf qed iżżommli ħafna kumpanija. U mbagħad se tgħidlek tidħol ġewwa u tistaqsik elf mistoqsija. Għax dik hekk – għal kull kelma tiegħek, mistoqsija. U mbagħad ara tferragħlekx ftit tal-45.”

"Għaraftek," qaltli fil-bieb. "Għandek għajnejn missierek. Ma tantx inbdilt mir-ritratti li kien urieni. Imma toqgħodx fil-bieb. Idħol. Għaddi ġewwa." Imbagħad daret fuq qattusa li kien hemm iċċassata lejja bejn saqajha. "Itlaq 'l hemm! Hawn in-nies!"

U wara li kilna fi kċina mimlija borom u taġnijiet imdendla dawramejt, semmejtilha l-45 u għajnejha f’daqqa nksew b’kisja oħra dmugħ. Qaltli nimxi warajha. Niżlitni l-garigor u fil-frisk tal-kantina writhomli stivati ħdejn xulxin – flixkun ħdejn l-ieħor – ilkoll bin-numru 45 miktub fuqhom bl-idejn.

Kienet ilha tistiva flixkun ħdejn l-ieħor minn dakinhar li telaq u ma reġax mar lura.

“Kont ċerta li għad jiġi. Mhux l-ewwel darba li qalli li kellha tkun l-aħħar darba li qed narah. Kien ilu jgħidli li xi darba ż-żjarat tiegħu se jieqfu u ma jerġgħux jibdew. Imma qatt ma emmintu għax – orrajt – ġieli kienu jgħaddu ftit tax-xhur ... imma dejjem ġie lura. U bqajt minn dakinhar li rajtu l-aħħar – noħroġ fil-ġnien naqta’ l-berquq, bl-istess ingwanti li kien jilbes hu meta kien joħroġ jaqtagħhom hu.”

U tant dratha r-rutina li għadha tagħmilha sal-lum. U għadha tidħol bil-kaxxa tal-berquq u tbattalha fuq il-bank il-kbir tal-kċina u bl-istess mus taqta’ berquqa berquqa fi tnejn u twaddab kollox f’borma tagħli. U hemm tħalli l-berquq joqmos fl-ilma jbaqbaq għal minuta. Biex xi dudu żgħir u iswed li seta’ kien hemm moħbi ġo fihom jinkewa bla jinduna u jisparixxi qisu qatt ma kien.

“Kif sparixxa hu," qed tgħidli b'nofs tbissima għerja minn kull ħjiel ta' rabja. "La ittra. La telefonata. Xejn. Hekk kien missierek. Jew faċċata ta' dar kollha dwal qawwija li jgħammxulek għajnejk jew ix-xejn."

U mbagħad ittella’ b’kuċċarun il-berquq sħun u mxarrab u twaddbu f’ħames litri cognac u hemm tħallih xahar u nofs. Ħamsa u erbgħin jum. La wieħed żejjed u qas wieħed nieqes.

"Kif kien jgħidli nagħmel hu."

Ħamsa u erbgħin jum, li matulhom tittama li hekk kif tbattal il-kontenitur fil-passatur biex il-cognac jibqa’ għaddej u l-berquq jinqabad ġewwa, ikun hemm ħdejha fil-kċina, sorpriż li x-xarba tiegħu baqgħet tagħmilha. Imbagħad bil-cognac li jgħaddi mill-passatur timla flixkun tal-ħġieġ. U twaħħal fuq il-flixkun stiker safra u fuqha, b’felt pen iswed, tħażżeż 45 – kif kien jagħmel hu – għal kull jum li għamel lix-xarba dak li saret. "Għax ix-xarba qisna aħna," kien jgħidilha, probabbli bl-istess ton li bih kien jgħidli minn fejn għandi ngħaddi biex immur l-iskola waħdi. U mbagħad – l-istess bħalu – tikteb fir-rokna t’isfel tal-istiker is-safra d-data ta’ dakinhar.

“Jogħġbok?”

“Ħafna.”

"Ħadd ma joħroġ minn hawn qabel iduq ftit minnu. U kull darba li ngħollu t-tazzi naħseb fih. Kemm xhur għamilt hekk, ara,” qed tgħidli tħares lejn il-ġnien b’tazza 45 f’idha. “Inħares fil-ġnien u naħseb fih u dwar jekk hux qed jaħseb fija. Dwar x’qed jagħmel dak il-ħin. Dwar jekk nesinix bħallikieku qatt ma kont. Dwar x’tifkira ħa miegħu tiegħi. Dwar jekk iddiżappuntajtux l-aħħar darba li ġie hawn. Dwar jekk għidtlux xi kelma li ma kellix ngħid jew jekk għidtlux xi ħaġa li fehem ħażin. Dwar jekk hux qed jaħsibha li xi darba jerġa’ lura. Jekk hux qed jittama li b’xi mod, xi mkien, nerġgħu niltaqgħu. U dwar jekk qattx għad iddoqq dik il-qanpiena li daqqejt int u xħin niftaħ insib lilu.”

Tieqaf. Tħares lejja. Tinduna li jien m'għandi xejn xi ngħid. U tkompli. “Domt ħafna biex irrassenjajt ruħi li lil missierek ma kellix nerġa’ narah. Ħafna, ħafna domt. Bqajt noħroġ fil-ġnien u naqta’ kaxxa berquq wara l-oħra bit-tama li meta xahar u nofs wara nimla flixkun ieħor ikun ħdejja.”

Qed inħoss li għandi ngħid xi ħaġa. Iżda ma nista' nsib xejn aħjar mis-silenzju.

"Għall-bidu, meta ntbaħt li forsi lura mhu ġej qatt, ippruvajt nirrabja għalih. Ħsibt li forsi b'hekk il-vojt tiegħu ma nħossux tant. Iżda ma stajtx nirrabja għal xi ħadd bħalu. Ma kienx hemm x'taħfirlu. Missierek ma gideb qatt. L-affarijiet kienu ċari mill-ewwel lejla li fiha ltqajna fil-port. Kont jien li aċċettajt li narah kumdità tiegħu. Kont jien li ħsibt li forsi nista' narah u ngawdih bla ma niftaħlu qalbi. Imma meta ntbaħt li qalbi kienet hu u hu kien qalbi kien ftit tard."

Issa daħlet il-qattusa u qabżet fuq kuxxtejha.

"Missierek għallimni ħafna. U daħħakni ħafna wkoll. U ħabbni. Żgur."

It-tazza tiegħi żvojtat. Terġa' timlihieli. Imbagħad tħares lejja.

"Se ddum hawn?"

*

Missieri miet ma’ sbieħ it-tielet jum li għamilt għandha. Ċemplitli oħti filgħodu kmieni u qaltli li miet matul il-lejl. Ħadd ma stennieh se jitlaq hekk malajr.

U fi triqti lejn Alicante bkejt. U hi bkiet miegħi.

“Mort naraha, pa. Mort naraha," pespistlu b'għajnejja moħbija fil-pali ta' jdejja qed jagħfsu mal-kawba tleqq tat-tebut.

"Għadha tħobbni?" qed jistaqsini.

"Iffissata, pa. Iffissata fuqek baqgħet, pa! U ma taqtax kemm għandha fliexken tal-45? Kantina sħiħa mimlija bihom, pa! Kantina sħiħa!"

U qed jitbissem it-tbissima tiegħu.

"U ġibtlek xi ħaġa miegħi, pa. Ġibtlek xi ħaġa miegħi."

"Flixkun 45 żgur!"

"Le. Mhux flixkun 45. Xi ħaġa oħra. Stenna ftit. Issa taraha daqt .... qalb dawn il-ħafna nies."