View this article in English | bilingual

Il-Linja l-Ħadra

Bilfors trid titla’.

Mhix għażla tagħha imma hekk ikollha tagħmel. Għax ħutha hekk iddeċidew. Minn Stepney Green għal London Victoria, id-District Line. U mhux se jaqbdu bus għax ħuha ż-żgħir qatt ma qabad tube u l-idea teċitah, u oħtha l-kbira ma tridx tagħmel siegħa fuq karozza tal-linja għax trid tara kollox u ma tridx taħli żmien.

Jekk tkun ilek marid bil-cancer sena u nofs u tkun qattajt ġranet sħaħ taqla’ ġol-vina boroż sħaħ ta’ chemo u tibda tara vina wara l-oħra tinxef u tmut, ma tibqax tibża’. U jekk ir-raġel ikun telqek biex imur ma’ ieħor u l-boyfriend ta’ ftit xhur jikkommetti suwiċidju għax isir jaf li kellek raġel u mar ma’ ieħor, ma tibqax tibża’.

Ħuha għandu 24 u marid bil-lymphoma; oħtha ta’ 30 isseparata wara tliet snin miżżewġa u xahar ilu l-ewwel boyfriend li ħarġet miegħu wara l-ewwel raġel ħallielha nota fejn qalilha li se jagħmel suwiċidju minħabba fiha.

U t-tnejn li huma għamluhielha ċara: jiġu jitnejku mill-mewt. Imma kieku kellhom jagħżlu, jagħżlu li jmutu f’attakk terroristiku u mhux bil-cancer jew bid-depression. Imma hi le. Saqajha ma tibqax tħosshom hi u nieżla t-taraġ ta’ l-istazzjon ta’ Stepney. U kif tħoss ir-riħ tat-train isawwatha fuq wiċċha tkun trid taqla’. Imbagħad jitilgħu. Hi, oħtha, u ħuha.

It-train baħħ.

Kulħadd kien għadu mwerwer wara dak li kien ġara jumejn qabel. Minbarra ħutha. U hi jkollha tobdi, u din li ħutha jiġu jitnejku mill-mewt qed toqtolha … għax għaliha din il-biċċa tal-mewt xi ħaġa serja u fil-verità hija ’l bogħod, x’aktarx iktar mill-aħħar stop tal-linja l-ħadra. 

U ħutha jridu bilfors jagħmluha tat-turisti. Hi le. L-aħħar li kienet Londra kienet qed tistudja u allura ma kinitx turista, u l-aħħar li kienet Londra kienet iddeċidiet li kellha tmur tgħix hemm għal ftit snin għax din il-belt, minkejja li d-dlam tagħha tħossu dieħel fil-vina, kienet tħobbha u ma kinitx tħeddilha, anzi kienet timlieha bl-enerġija li bħalissa ma kellhiex għax ħutha kienu ħaduhielha kollha, sa l-inqas qatra. Kienet hi li ġennithom biex jitilgħu.

Belha!

U issa Londra mhix bħal qabel.

 

WHITECHAPEL

 

Ħuha jħares lejn il-mappa. “Ħdax-il stop ieħor,” jgħid.

Hi taqtagħha li ma fadlilhiex wisq ħajja u allura tibda taħseb fl-affarijiet kollha li kellha tistaqsi lil missierha u għadha ma rnexxilhiex tieħu mingħandu …

“Tiftakar meta konna ninżlu ħdejn il-bandli u kien ikun hemm kaxxa mimlija preserves fuq l-għatba tal-bieb ta’ dik il-mara x-xiħa?”

“Le, ma niftakarx.”

“X’kien jisimha?”

“Ma niftakarx.”

“Ma jistax ikun ma tiftakarx għax jien kont inżilt miegħek xi darbtejn u kont għidtli biex ma ngħid lil ħadd.”

“Mela ’qas lili ma suppost tgħid.”

“U kont ipparkjajt kemm xejn ’il bogħod, mort tiġri għaliha, tfajtha fil-karozza u ħrabna.”

“Le, ma niftakarx.”

“U meta bdejt nibki filgħodu għax ridt immur l-iskola u għidtli li ma nistax?”

“Le, int qatt ma bkejt.”

“U x’le le! U bdejt tgħidli li l-iskola għalqet u bħalissa vaganzi. U jien lil ta’ ħdejna kont narah imur l-iskola, u allura jien għaliex ma stajtx immur kont ngħid … ”

“Dak żmien ilu.”

“Imma tiftakar li strajkjajt hux?!”

“Kieku nista’ anki dak ma niftakarx.”

“U tiftakar konna mmorru x-xatt tal-Belt nistennew lil Pantu ġej minn Għawdex bil-kaxxi tal-ħaxix mingħand in-nanna Roża?!”

“X’qed tħawwad?”

“Mela xejn m’għadek tiftakar jaqaw?”

                         “ … ”

“U tiftakar meta n-nannu ġabilna l-ewwel televixin tal-kulur?”

“Le, ma niftakarx.”

“Dażgur, niftakar li kulħadd kellu miz-zijiet u aħna biss le.”

“Qed tħawwad.”

“Dak għax kont strajkjajt?”

“Le.”

“Mela għax in-nannu kien jaħdem id-Drydocks?”

“Le.”

“U kien ġabhom kollha bil-kuntrabandu jew inkella b’xejn?”

“Staqsi lilu.”

“L-ewwel ġab tiegħu u mbagħad taz-zija Jenny u wara taz-ziju Manuel u mbagħad wieħed lilna.”

“Ma niftakarx.”

“U kif aċċettajtu allura int?!”

 

TOWER HILL

 

Għandha ħabib se jiżżewweġ dalwaqt u qed jibża’ jmur il-honeymoon it-Toscana għax sema’ li fl-istess żmien li se jkun hemm hu u l-mara, se jkun hemm ukoll Tony Blair u allura qed jgħidu li issa hemm imiss jattakkaw. U għandha ħabiba Ġermaniża li tgħix Londra li qaltilha li qatt ma falliet xogħol u dakinhar qamet tirremetti u ċemplet sick. U tiftakar f’Marthese li wkoll kienet tgħix Londra imma li kienu tilfu kull kuntatt wara l-ġlieda li kellhom fi Triq ir-Repubblika meta Marthese kienet għajritha egoista u hi beżżiegħa u biex Marthese turiha li ma kinitx beżżiegħa, qabdet u neħħiet il-flokk ta’ fuq u l-bra wkoll quddiem kulħadd. U hi kieku xtaqet tagħmel xi ħaġa biex turiha li ma kinitx egoista imma m’għamlet xejn. Issa tixtieq tkun taf jekk dakinhar Marthese qamitx u ċemplet sick ukoll.

Imbagħad tħares lejn oħtha. Tiċċassa fil-kedda t’għajnejha. Tkun trid tgħidilha li se jmutu u allura aħjar jgħidu ħafna xorti lil xulxin biex jiċċarawhom, u hi bħal donnha tifhimha imma tant hemm kwiet fit-train li minflok taqbad ktieb. Xi paperback taż-żobb għax dawk taf taqra.

“Tiftakar meta konna żgħar konna nilagħbu tat-tabiba u l-pazjenta u jien (minkejja li iżgħar minnek) kont ngħidlek tinża’ u mbagħad niċċekkjak minn fuq s’isfel, int għarwiena u jien bil-fardal?”

Ma tiftakarx.

“U kont tieħu gost.”

Ma tiftakarx.

“U tiftakar li dakinhar tat-tieġ, eżatt qabel ma dħalna fil-knisja, jiena nitbissem u inti titbissem, kont għidtli li ma tħobbux lil dan ir-raġel u li se tagħmel l-ikbar żball ta’ ħajtek? U jien ħarist lejk bl-ikrah … ”

Le, ma tiftakarx.

“U tiftakar meta għidtlek li jien inħobb in-nisa, u li l-irġiel nitqażżiżhom u int dawwartli d-diskors?”

Le, ma tiftakarx.

Nismagħha tidħaq b’xi ċajta mqanżħa fil-ktieb.

 

MONUMENT

 

Għandha ħabiba li tgħidilha li ħajjitha qisha l-mappa ta’ l-underground ta’ Londra: fiha ħafna direzzjonijiet u kull waħda taf fejn tibda u fejn se tispiċċa u x’ħin se titlaq u kemm se ddum. Il-burdati tagħha (li huma ħafna) huma l-kuluri. U l-waqfiet (li huma iktar) huma relazzjonijiet differenti ma’ nies differenti f’burdati differenti f’rotot differenti. U bħalissa hi tixtieq tistaqsiha għandhiex pjanijiet għal meta jkun hemm xi bomba u jkollha tagħlaq partijiet mil-linji ta’ l-underground. Qaltilha li meta ġiet Londra ma marret imkien ħlief fl-underground. Għoġbitha l-idea li b’ticket wieħed setgħet tmur fejn trid. Qaltilha li waqfet f’kull stop, niżlet, u mbagħad qabdet it-train ta’ wara biex tieqaf fi stop ieħor. U f’kull wieħed li niżlet immarkatu bil-lapes, u meta kienet immarkathom kollha kien waslilha ż-żmien biex tmur lura Malta.

 

BLACKFRIARS

 

Jitla’ xi ħadd. U għandu basket wara dahru. Din li issa se tibda tiġġeneralizza ma tistax għaliha. Imma moħħha ma jridx jaf. Malajr jaħsibha u malajr jibda jippanikja. Għax din li wieħed ikollu familja u jkollu xogħol tajjeb u mbagħad jiddeċiedi li jtajjar lilu nnifsu u xi erbgħin oħra miegħu ma tistax tifhimha. U b’liema mod jiddeċiedi li anki hi għandha tmut miegħu?

Qed tħossha qed tifga u ħuha jħares fil-kannierja ta’ moħħha u jinduna. Imbagħad tkun se tgħidlu li ladarba se jmutu jkun aħjar jekk jitkellmu fuq dakinhar meta ġġieldu u tefgħalha s-sikkina tal-ponta għal rasha. Tipprova tfakkru billi titfa’ ħarsitha f’għajnejh bħal mus.

“Tiftakar meta tfajtli s-sikkina u ma lqattnix bl-eżatt?”

Ma jiftakarx.

“U mbagħad jien qbadtha minn ma’ l-art u kont se nitfagħhielek l-aħħar, imma minflok ħriġt nigriflek il-ġenb tal-karozza l-ġdida?”

Ma jiftakarx.

“Forsi jkun tajjeb li niskużaw ruħna llum għax daqt immutu.”

Ma jagħtix kas.

“U tiftakar dik id-darba meta mort għand il-professur u qallek li għandek tumur? U mbagħad mort għand tabib ieħor u għand ieħor u qalulek li mhux tumur imma ftuq, u filgħaxija int u tirrakkontali mogħxi bid-daħq, tak ħass ħażin u jien bqajt nidħaq għax ħsibtek qed tirreċta u int ma qomtx? U mbagħad ħadniek l-isptar u bqajt hemm?”

Imma hu jibqa’ jgħodd kemm baqa’ sa London Victoria.

U fil-verità ma kienx tumur, imma lanqas ftuq.

 

TEMPLE

 

Għandha ħabiba paranojka dejjem taħseb li bil-lejl se jidħol fuqha xi ħadd u flok jirrejpjaha jisirqilha l-laptop li fuqu hemm il-bidu ta’ rumanz li ilha tiktbu xi sitt snin. U allura dan ir-rumanz tissejvjah kull nhar ta’ Sibt fid-disgħa ta’ filgħodu (għax ġeneralment il-ħallelin is-Sibt filgħaxija jidħlu) u taħbi s-cds f’postijiet differenti fil-flett. U hi kienet tidħaq biha qabel, imma issa, f’daqqa waħda, qed tħossha paranoid fit-tube, u ma’ kull persuna li titla’ u jkollha d-daqna u basket, trodd is-salib.

Imbagħad toħroġ il-mobile mill-handbag u tibda tikteb messaġġ lil ħabibtha.

 

la nigi lura dak

ilpjan ta ... intik daqqa

id naraw xinhawdu jekk

immut ahseb fija ras

 

Imma m’hemmx reception u allura żżommu biex tibagħtu wara. Jekk ma tkunx mietet!

 

EMBANKMENT

 

Tibda taħseb fuq kif wieħed meta jkun irrabjat ma jistax jidħol fil-loki u jarma jwerżaq, flok joqtol lilu nnifsu u lil xi ħamsin oħra. Kif  pereżempju tagħmel hi meta ommha tibda tparla fuq is-sess qabel iż-żwieġ. U meta missierha jistaqsiha tkunx marret il-quddiesa l-Ħadd filgħodu. Imbagħad tagħlaq għajnejha u taħseb f’ommha, fuq l-aħħar ġlieda tagħha magħha u tkun trid tgħidilha li issa se teħles minnha darba għal dejjem għax se tmut u allura m’għandhiex għalfejn toqgħod tinkwieta li n-nies se jgħidu biha, u tkun trid tistaqsiha fuq iz-zija Ċett kif tagħmel dejjem, u tipprova ġġiegħel ’l ommha ma tilgħabx bil-kliem …

“Allura z-zija Ċett u Pina?”

“Xiex?”

“Istja dejjem flimkien!”

“Eh ... ”

“U ejja ma, tgħidlix li mhux kulħadd jaf li oħtok u ħabibtha dejjem flimkien!”

“Ma nafx x’qed tgħid.”

“Mhux ta’ b’xejn … ” 

“Xiex?”

“Din fil-familja qiegħda … u min-naħa tiegħek ġejja!”

“Xiex?”

“U oħt in-nanna ukoll hekk kienet … imma dak iż-żmien kienu jgħidu li ma żżewġitx u baqgħet fuq l-ixkaffa.”

“Ma niftakarx.”

“Allura jien kif niftakar?”

“Int jekk kellek sitt snin meta mietet oħt ommi!”

“Anki hi kellha l-ħabiba. Ġanna kien jisimha, għax dejjem kienet issemmiha.”

“Ma niftakarx.”

“U issa Pina bdiet torqod għand iz-zija Ċett.”

“X’għandu x’jaqsam?”

“Iva għandu.”

“Dik għax marida, biex iddur biha.”

“Ara, int anki żewġt ixjuħ ta’ sittin sena jagħmlu li jridu bik.”

“Dejjem l-istess paroli int.”

“Int ma tammettix.”

“Xiex?”

“Għalhekk ma tifhimnix.”

“Ma nafx x’qed tgħid.”

“Għax hekk jaqbillek.”

“Xiex?”

“Għax vera, iz-zija Ċett u Pina … ”

“Eh … ”

“Ma jistax ikun qed niżbalja.”

“Mhux importanti.”

“Allura jien miniex importanti?”

“Għandna biżżejjed problemi.”

“Imma din mhix problema … ”

Filgħodu kuġinuha qallha li xi darba jixtieq jintefa’ fl-underground idoqq il-kitarra. Mhux biex jaqla’ l-flus, imma biex jara x’jiġri, biex jara jiqfux jisimgħuh in-nies, biex jara l-mużika li jikteb tintgħoġobx. Kuġinuha jgħix Stepney Green. Jgħid li jħossu Londoner u ma jridx jitlaq minn hemm, anki jekk meta jitla’ fuq tal-linja jisma’ botti razzisti. Qallha, hu hemm twieled u hemm se jibqa’ jgħix, anki jekk m’huwiex bjond u gustuż, u ma jgħixx f’parti sabiħa. U qallha li l-mużika kienet biżżejjed għalih biex jiżvoga, u din li jmur idoqq fl-underground issa jrid jagħmilha, biex juri lil kulħadd li ma jibżax. U mbagħad staqsieha kieku titfagħlux flus hi u tkun għaddejja minn quddiemu u hi minflok bdiet twerżaq u tefgħetlu ż-żarbuna għal wiċċu.

 

WESTMINSTER

 

Is-sħana. Qed ixxomm bħal riħa u ma tistax taqbad x’inhi. Qed tidħol fi mnifsejha bħas-swaba’ ta’ Duncan dakinhar li ġġieldu fuq biċċa blokka. Kważi kważi qed tħoss id-demm nieżel bħal dik id-darba. Saqajha mitluqa bħal ta’ dik id-darba li kienet fuq is-sur ta’ Hastings, biż-żarbun f’ħoġorha u saqajha mifruxin ’il barra jilagħqu ż-żiffa kiesħa. Imma ftit wara bdiet tibki u qabbdet sigarett u bdiet titfih fuq koxxtejha mimlija xaħam. U weġġgħet! U ħasbet, allura dawn li jiddeċiedu li jagħmlu bomba-suwiċida, għaliex ma jaqbdux xafra u jaqtgħu lilhom infushom u jieqfu malli jibdew iweġġgħu kif tagħmel hi meta tkun irrabjata għal kulħadd u meta jkollha aptit tagħti xebgħa lid-dinja kollha? Jew għax ma jaqbdux sigarett u jitfuh fuq il-kappell t’għajnejhom ħalli jkunu jafu kemm tweġġa’ meta tinħaraq, kif tagħmel hi meta kollox u kulħadd ikun kontriha. Għax din li toqtol lilek innifsek, u lil xebgħa nies oħra, istja din ... din ... le u qatt ... u hi ppruvat mitt elf darba toqtol lilha nnifisha, u lanqas din qatt ma rnexxielha. Imma ara li tweġġa’ lilek innifsek għax tkun inkazzata, din tifhimha. U taħdem! 

Terġa’ tħares lejn ħuha u jgħidilha, “Daqt naslu.” Imbagħad tkun trid tgħidlu li tħobbu u allaħares imut anki jekk jiġġieldu bl-ikrah u jgħajjarha pastizz għax qatt ma rnexxielha ssib xogħol li fih iddum imqar tliet xhur. Imbagħad jgħidilha li jmissha tibda ssuq it-train għax jaħseb li hu xogħol faċli u tal-buzz u forsi jirnexxilha ddum iktar minn tliet xhur. U hi ttih daqqa ta’ sieq. U tkun trid tgħidlu li issa daqt imutu u allura aħjar ma jibqgħux jitnejku b’xulxin bħal dejjem u minflok jibdew jieħdu l-ħajja bi ftit iktar serjetà. 

 

VICTORIA STATION

 

Baħħ.

Qatt ma kienet rat lil dak l-istazzjon jistenna lin-nies fil-vojt u jibgħat lit-trains vojta u jibki l-passi miġnuna ta’ kull filgħodu … u hi qiegħda hemm! U trid tidher kuntenta għax din hija l-ewwel darba li ħuha siefer. Oħtha kienet qisha f’dinja ġdida bħalma kienet tħossha hi kull darba li kienet tkun Londra, imma issa f’daqqa waħda miet kollox u saħansitra bdiet tikkunsidra li dan ma kienx l-aħjar post li fih wieħed seta’ jqatta’ l-bqija ta’ ħajtu wara kollox. Imbagħad tara l-pulizija bil-klieb. U ftit wara tara raġel pajżan għaddej b’bagalja kwadra kannella bħal donnu qed ifittex xi bomba. U ħuha tant jiggustah li jeħodlu ritratt. U jkollha aptit iddeffes rasha ġo landa taż-żibel u taqla’. Imma laned taż-żibel m’hemmx f’Victoria u allura tiddeċiedi li ma tridx tagħmel fratteriji ma’ l-art.

Għandha ħabiba li tqum kull filgħodu fil-ħamsa bumm biex tiekol mitt gramma Special K u mbagħad terġa’ torqod sas-sitta u nofs u fis-sitta u nofs bumm tqum biex tidħol dritt fit-toilet. Tgħidilha li hekk il-ħajja hija ferm iktar faċli minn ta’ ħaddieħor li jqum fit-tmienja u fit-tmienja u nofs ikun ix-xogħol. U darba staqsietha x’jiġri jekk ma tismax l-iżveljarin u qaltilha li din qatt ma ġrat; jew inkella x’jiġri jekk ma ssibx Special K u qaltilha li lanqas din qatt ma ġrat, u issa tixtieq tistaqsiha x’jiġri jekk tkun fit-tube u tisplodi u jiħduha l-isptar u hemmhekk ma jagħtuhiex Special K fil-ħamsa ta’ filgħodu u hemmhekk ma tkunx tista’ tidħol fit-toilet fis-sitta u nofs. Imma din ħabibtha relaxed wisq u l-affarijiet li ma jikkonċernawhiex ma jgħaddux minn moħħha u forsi għalhekk ħajjitha relaxed u hi tixtieq kieku li hi bħalha, imma hi mhix kapaċi tqum fil-ħamsa biex tiekol l-iSpecial K u lilha kieku żgur idejjaqha wara ġimgħa.

Imbagħad, ħutha jaraw liema linja jridu jaqbdu biex jaslu Leicester. Il-Piccadilly Line. Biċċa minnha magħluqa imma xorta jistgħu jaqbduha għal Leicester. Imma hi tħossha qed tistordi. Saqajha ma jtuhiex. Ma tridx taqbad tube ieħor. Aħjar jimxu. Hekk jew hekk m’hemmx bogħod. Il-pulizija għadhom hemm bil-klieb. Dak ir-raġel tal-bagalja wkoll. Ħutha jibdew mixjin fid-direzzjoni tal-Piccadilly Line. Hi tibda tara lil ħabibtha tiekol l-iSpecial K, lil kuġinuha jdoqq Julia xi mkien fl-underground, lil ommha titlob, lil missierha jgħid ir-rużarju, lil ħabibtha tħares lejn il-mappa, lir-raġel bid-daqna tiela’ fuq it-train, lil ħuha Boffa, lil oħtha fis-sodda weħedha. Saqajha jixtiequ jħossu l-kesħa ta’ l-art, u għalhekk tinża’ ż-żarbun, il-kalzetti, ixxammar il-jeans u timxi ħafja.

  *  *  *

Tidħol id-dar, issakkar il-bieb b’ta’ fuq u b’t’isfel, tagħlaq il-bieba tal-ġenb bil-firroll u tlaqqat ftit passi sal-kamra tas-sodda. Iġġerri l-purtiera tan-nylon u wara dik tad-drapp strixxi strixxi. Id-dawl ta’ barra jqabbadha n-nervi daqs cd jaqbeż. Tneħħi ċ-ċintorin, tħoll il-buttuna tal-qalziet u tniżżel iż-żipp. Żippjatura mqanżħa li sserraħ it-tpaħpiħa ta’ żaqqha. Tiftaħ il-qmis b’tant salvaġiżmu li tqaċċat il-buttuni.  Tisma’ l-ħoss tagħhom ma’ l-art. Waħda, tnejn, tlieta, erbgħa. Qishom żibeġ li kienet tilgħab bihom meta kienet għadha żgħira u li kif iqabbżuhielha kienet tieħu gost titfagħhom f’ħalq il-qattusa biex taraha tifga. Tinża’ l-qmis. Titfagħha fuq is-sodda ta’ warajha. Tniżżel il-qalziet, il-qalziet ta’ taħt ukoll. L-ewwel sieq, it-tieni sieq. Tħoll il-kurkett tal-bra, tniżżel l-ewwel ċinga, imbagħad it-tieni. Tħares fil-mera. Taqbad b’idha l-leminija l-flixkun tal-fwieħa.  Tagħsru bejn subgħajha. Tħares lejh. Tgħolli idha l-leminija. Tagħfas iżjed. Tinġibed ftit lura u ...  

Twerżaq.

Tinstabat fuq is-sodda u tagħlaq għajnejha.

Wara ftit minuti tqum minn fuq is-sodda, tħares għal darb’oħra fil-mera u tħoss demgħa trid toħroġ imma ma tazzardax. Timxi sal-kamra tal-banju. Tiftaħ il-bieb. Tidħol. Tagħlaq warajha. Iddawwar iċ-ċavetta, tpoġġi bilqiegħda fuq il-loki u tgħannaq il-flaxing. 

U taħseb fis-sess li hu sabiħ. U taħseb f’kemm xtaqet taqla’ dakinhar li qagħdet ma’ Silvan, f’ommha, f’kull darba li tgħidilha, “Jekk tmur ma’ raġel dnub, jekk tmur ma’ mara dnub tripplu.” U mbagħad f’missierha meta jistaqsiha, “Ta’ x’ħin sejra llum?” Tiftakar f’meta kienet Londra ma’ ħuha u oħtha u f’meta mbagħad ġara kollox f’salt u xtaqet titfi mitt sigarett fuq koxxtejha u minflok imxiet ħafja fl-istazzjon. U issa tixtieq tifhem jekk il-kamra tal-banju hix l-iktar post safe.

Mgħannqa mal-flaxing.

Biex ma tħosshiex weħedha.